Dwar l-Europol

Ngħinu biex nagħmlu l-Ewropa aktar sigura

page

Il-missjoni tal-Europol, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’The Hague, in-Netherlands, hija li tappoġġa lill-Istati Membri tagħha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ kriminalità internazzjonali u organizzata serja, iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu. L-Europol taħdem ukoll ma’ bosta stati msieħba li mhumiex fl-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

In-networks ta’ kriminali u terroristi fuq skala kbira huma ta’ theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-UE u għas-sigurtà u l-għajxien tan-nies tagħha. L-akbar theddidiet għas-sigurtà ġejjin:

  • mit-terroriżmu;
  • mit-traffikar internazzjonali tad-drogi u l-ħasil tal-flus;
  • mill-frodi organizzata;
  • mill-falsifikazzjoni tal-euro;
  • mit-traffikar ta’ bnedmin.

Mandat

L-Europol tisma’ dak li l-Istati Membri jeħtieġu u tanalizza x-xejriet tal-kriminalità fl-UE. L-Aġenzija tappoġġa l-investigazzjonijiet mibdija mill-Istati Membri, għalkemm l-uffiċjali tal-Europol qatt ma jarrestaw liċ-ċittadini jew jagħtu bidu għal investigazzjonijiet. Il-ħidma tal-Europol normalment tikkonsisti fl-indirizzar ta’ reati li jeħtieġu approċċ internazzjonali u kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi, fl-UE u barra minnha. Id-deċiżjoni dwar liema reati għandhom jingħataw prijorità hija msawra mill-EMPACT.

Fatti u ċifri dwar l-Europol

  • Aktar minn 1400 impjegat
  • 264 Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Europol
  • Eluf ta’ investigazzjonijiet internazzjonali appoġġati kull sena
  • Saret aġenzija uffiċjali tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2010

L-EMPACT hija kooperazzjoni multidixxiplinari strutturata biex tiġġieled il-kriminalità internazzjonali organizzata u serja. Hija xprunata mill-Istati Membri u appoġġata mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

Matul is-snin l-Europol kisbet esperjenza sostanzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, fin-networks ta’ immigrazzjoni illeċita u fit-traffikar ta’ bnedmin, fit-traffikar illeċitu ta’ vetturi, fiċ-ċiberkriminalità, fil-ħasil tal-flus u l-falsifikazzjoni ta’ flus. L-Europol hija wkoll l-uffiċċju ċentrali Ewropew għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro.

L-Europol tgawdi minn arranġamenti kooperattivi eċċellenti mal-imsieħba tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Tistima wkoll l-arranġamenti ta’ responsabbiltà li għandha li huma fost l-aktar sodi u trasparenti fid-dinja.

L-attivitajiet operazzjonali tal-Europol jiffukaw fuq:

Servizzi uniċi

Il-pożizzjoni tagħna fil-qalba tal-arkitettura tas-sigurtà Ewropea tippermettilna noffru firxa unika ta’ servizzi. L-Europol hija ċentru operattiv ta’ sigurtà għolja li jopera bla waqfien: 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

L-analiżi hija fil-qalba tal-attivitajiet tagħna. L-analisti kriminali tagħna huma fost l-aktar imħarrġa fl-Ewropa. Jużaw għodod tal-ogħla livell teknoloġiku sabiex jappoġġaw l-investigazzjonijiet mill-forzi tal-liġi fl-Istati Membri kuljum.

Biex nagħtu lill-imsieħba tagħna għarfien aktar fil-fond tar-reati li qegħdin jindirizzaw, nipproduċu valutazzjonijiet regolari li joffru analiżijiet komprensivi u progressivi tal-kriminalità u t-terroriżmu fl-UE.

L-Europol tuża wkoll sistemi speċjalizzati, li joffru kapaċitajiet rapidi u siguri għall-ħażna, it-tiftix, il-viżwalizzazzjoni u l-konnessjoni ta’ informazzjoni, u b’hekk jikkonsistu f’sett ta’ għodod sofistikat kontra l-kriminalità.

Ġestjoni u kontroll

L-Europol hija responsabbli fil-livell tal-UE lejn il-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-Kunsill huwa responsabbli għall-kontroll u l-gwida ewlenin tal-Europol. Dan jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Viċi Diretturi, u japprova l-baġit tal-Europol (li huwa parti mill-baġit ġenerali tal-UE), flimkien mal-Parlament Ewropew. Jista’ jadotta wkoll, flimkien mal-Parlament Ewropew, regolamenti relatati mal-ħidma tal-Europol. Kull sena l-Kunsill iressaq rapport speċjali quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-Europol.

L-Europol bħalissa topera skont ir-Regolament tal-Europol. Dan ir-regolament ġie adottat fil-11 ta’ Mejju 2016, meta l-Parlament Ewropew ivvota dwar setgħat aġġornati li jippermettu lill-Europol iżżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u forom serji u organizzati oħra ta’ kriminalità. Ir-regolament isaħħaħ ir-rwol tal-Europol fl-appoġġ tal-kooperazzjoni fost awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE.

Struttura organizzazzjonali

L-Europol hija mmexxija minn Direttur Eżekuttiv, li huwa r-rappreżentant legali tal-Europol u jinħatar mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttur Eżekuttiv attwali tal-Europol hija Catherine De Bolle, li ħadet il-kariga f’Mejju 2018.

Hija megħjuna minn tliet Deputati Diretturi Eżekuttivi:

Il-membri tal-persunal tal-Europol ġejjin minn varjetà wiesgħa ta’ sfondi u nazzjonijiet.

Fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Europol saret aġenzija sħiħa tal-UE. Fl-1 ta’ Mejju 2017, l-Europol saret uffiċjalment l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, wara li r-Regolament il-ġdid tagħha daħal fis-seħħ.

Ir-regolament il-ġdid ġie adottat fil-11 ta’ Mejju 2016, meta l-Parlament Ewropew ivvota dwar setgħat aġġornati li jippermettu lill-Europol iżżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u forom serji u organizzati oħra ta’ kriminalità. Ir-regolament il-ġdid isaħħaħ ir-rwol tal-Europol fl-appoġġ tal-kooperazzjoni fost awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE.

Europol Organisational Chart

Tags

    • Law Enforcement
    • Legal Regulation
    • Legislation
    • Management & Control